Kienet is-sena 1984, meta Mario Sammut, emigrant frisk minn Malta mal-familja tiegħu, martu Vivienne, u uliedu Jack (8), Andrew (6) u Anita (4), dahal fil-karriera tax-xandir fuq ir-Radju 4EB ta’ Brisbane, fi Queensland. Ftit xhur wara huwa sar il-Convenor tal-programmi Maltin fuq dak l-istazzjon.
Tard fis-sena 1985, il-familja ddeċidiet li tmur toqgħod f’Morwell, u fil-bidu tas-sena ta’ wara Mario reġgħa beda jxandar fuq ir-radju flimkien ma’ martu Vivienne programm bil-Malti fuq Radio Gippsland 104.7 FM.
Matul l-istess żmien huwa ġie maħtur President tal-Maltese Club u fi żmien qasir, Mario, stabilixxa il-Maltese Community Centre f’Latrobe Valley. B’dedikazzjoni u ħidma kbira ta’ Mario, u bil-għajnuna tal-Komunita` Maltija ta’ hemm, iċ-Ċentru ta’ Maryvale Reserve inbidel f’bini ġdid, li kien l-għaxqa tal-Komunita` Maltija tal-Victoria.
Il-Programm Malti fuq Gippsland 104.7 FM din is-sena qiegħed jiċċelebra 25 sena minn mindu xxandar għall-ewwel darba. Dan il-programm jinstema’ darba fil-ġimgħa u jikkonsisti f’mużika, aħabarijiet minn Malta, affarijiet soċjali u nformazzjoni oħra relevanti għas-semmiegħa Maltin, aktarx anzjani, li joqgħodu f’Gippsland.
Matul dawn l-aħħar 22 sena, Mario xandar ukoll programm bil-Malti minn fuq ir-Radju Komunitarju f’Melbourne 3ZZZ 92.3 FM, l-ikbar stazzjon komunitarju fl-Awstralja li jxandar b’aktar minn 60 lingwi differenti. Il-programm hu s-Sibt, bejn l-10 u l-11 am. Għal dan il-programm huwa jmur Melbourne ta’ kull ġimgħa.
Barra minn dan, din is-sena, Mario, qed jiċċelebra l-10 snin mindu beda jxandar programm bl-Ingliż “Breakfast with Mario” fuq Gippsland FM, kull nhar ta’ Erbgħa, 6-9 am.
Matul dawn is-snin Mario kien involut ħafna mall-Komunita` Maltija f’Gipplsand u f’Melbourne. Huwa kien President tal-Maltese Community Centre ta’ Morwell għal 18-il sena. Huwa serva wkoll bħala segretarju u Chairman tal-Latrobe Valley Migrant Resource Centre; Viċi-President tal-Maltese Community Council tal-Victoria; u Membru Eżekuttiv tal-Ethnic Community Council tal-Victoria.
Fl-1988, Mario ġie mogħti s-Silver Logie Award mill-Walter Schauble Ethnic Broadcasting Foundation, għall-Best Ethnic Program in Australia, in Country Areas.
Fl-1989, il-Gvern Malti ħatru bħala Viċi Konslu Onorarju ta’ Malta f’Gippsland.
Jiġifieri b’kollox Mario ilu jxandar għal dawn l-aħħar 28 sena u dejjem bħala voluntier.
Nixtiequlu aktar suċċessi għall-futur.