Nhar il-Gimgħa, 17 ta’ Mejju, ħadna l-aħbar kerha tal-mewt ta’ Edwin Baldacchino, persuna magħrufa ħafna fil-komunita’ Maltija. Edwin dejjem kien wieħed li ħadem bi sħieħ fost il-komunita’ Maltija f’Melbourne u forsi qatt ma rċieva l-apprezzament li kien mistħoqq. Ħadem ħafna fit-twaqqif taċ-Ċentru Malti ta’ Parkville. Edwin kien bniedem ġenwin u kif ngħidu ahna l-Maltin, jagħtik qalbu. Dejjem kien lest biex jgħin f’xi ħaga jew oħra u qatt ma jaħrab ix-xogħol.
Il-Funeral tiegħu se jsir nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Mejju, fil-Knisja ta’ St Mary, Railway Street North, Altona. Rużarju jibda fl-10 ta’ filgħodu u wara tiġi ċċelebrata l-Quddiesa Funebri minn Fr John Taliana, mssp. Ikun hemm “viewing” qabel ir-Rużarju.
Edwin, flimkien ma’ martu, Mary, kienu membri ta’ hafna ghaqdiet Maltin, fosthom Reskeon Maltese Association, Newport Maltese Association, Stella Maris Maltese Association, Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, il-Maltese Performing Arts u St Albans Maltese Pensioners. Serva wkoll fuq kumitati fosthom r-Reskeon Seniors Group u Stella Maris Association.
Edwin twieled Ħal Tarxien fl-1940, imma ta’ 14-il sena il-familja tiegħu kienu marru joqgħodu l-Isla. Edwin iżżewweġ lil martu, Mary, fl-1961. Huma emigraw lejn l-Awstralja f’Awwissu tas-sena 1964. Ghandhom zewgt itfal, Joseph, li twieled Malta, u Ingrid.
Huwa kien kantant u attur. Kien ikanta f’ħafna avvenimenti fejn jidħlu l-Maltin u kien ħadem ħafna fuq il-palk, forsi l-iktar waħda għal qalbu kienet Il-Ħanut ta’ Dwinu ta’ Manuel Casha. Ħargu ħafna kanzunetti sbieħ minn dan ix-xogħol teatrali fosthom Il-Hanut ta’ Dwinu u Id-Destin.
Huwa kien irrekordja ħafna kanzunetti, spejjeż tiegħu, u kien iqassamhom lil kull min kien jitolbu. Il-gost tiegħu kien li jara lill-Maltin ferħana b’dak kollu li hu Malti.
Edwin kien kanta u rrekordja it-Theme Song tal-Ghaqda tar-Reskeon fuq mużika tal-mejjet u qatt minsi Laurie Armato u versi ta’ Dr Clemente Zammit.
Huwa kien membru fuq il-kumitat tax-Xandara Maltin ta’ 3ZZZ kif ukoll fuq il-Consortium ta’ Channel 31 flimkien ma’ Joe Montebello, Frank Sargent u oħrajn, fejn il-Maltin ta’ Melbourne kienu jgawdu programmi Maltin fosthom il-Waltzing Matilda.
Edwin halla jibku lil martu Mary u zewg uliedhom, Joseph u Ingrid, u l-familja taghhom.
Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.