Il-Kummissarju Għoli Malti fl-Awstralja, Francis Tabone, akkumpanjat mill-Konslu Ġenerali Malti f’Victoria, Charles Mifsud, għamel żjara lill-iskola tal-Malti ġewwa Taylors Lakes Secondary College, nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 2011.
F’dan il-Kulleġġ hemm żewġ klassijiet fejn jiġi mgħallem il-Malti. L-għalliema, Sandra Bartolo u Marisa Vella, jgħallmu l-ilsien Malti lil tfal u żagħżagħ ta’ nisel Malti. Dan it-tagħlim iwassal għaċ-ċertifikat tal-lingwa Maltija tal-livell VCE (Victorian Certificate of Education).
Waqt iż-żjara il-Kummissarju u l-Konslu raw il-progress li sar fiż-żewġ klassijiet bl-istudenti jaqraw siltiet bil-Malti u jitkellmu ukoll. Fil-Klassi taż-żgħar, Zac Attard qara komponiment dwar il-familja tiegħu li kitbu hu stess. Zac għandu biss 8 snin u twieled l-Awstralja.
Fil-klassi taż-żagħżagħ il-Kummissarju iltaqgħa ma’ studenti li ser joqogħodu għall-eżami tal-VCE fil-Malti u għalhekk ser jibbenefikaw minn għotja ta’ darba ta’ $150 sabiex tgħinhom fl-ispejjeż ta’ studju u ta’ l-eżami.
Il-Kummisarju u l-Konslu ġew milqugħa fl-iskola minn Frank Merlino, il-principal tal-Victorian School of Languages, kif ukoll minn Hasan Sayar, il-koordinatur tal-programm tat-tagħlim tal-lingwi għal dan il-Kulleġġ. Is-sur Sayar dawwar lill-Kummissarjau Għoli u l-Konslu Ġenerali ma l-iskola u l-klassjiet.
Wara l-mawra mal-klassijiet il-Kummissarjau iltaqa’ mal-ġenituri ta’ l-istudenti, fejn spjegalhom l-importanza tat-tagħlim tal-Malti. Filwaqt li faħħarom li qed jibgħatu l-uliedhom għal dan it-tagħlim, ħeġġiġhom jitkellmu bil-Malti id-dar ukoll sabiex it-tfal jipprattikaw il-lingwa Maltija.