Ftit jiem ilu, f’Melbourne, kellna Żjara Statali mill-E.T. Dr George Abela, President ta’ Malta, u s-Sinjura tiegħu Margaret Abela bejn l-Erbgħa, 23 ta’ Marzu u l-Gimgha 25 ta’ Marzu, 2011. L-Onor. Dolores Cristina Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, akkumpanjat lill-President fuq din iż-żjara. Fi programm separat, il-Ministru kellha laqgħa ma’ membri ta’ għaqdiet Maltin.
Din il-laqgħa, li nżammet nhar l-Ħamis 24 ta’ Marzu, fil-Boardroom taċ-Ċentru Malti ta’ Parkville, kienet waħda ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli tal-Komunità Maltija, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet fuq il-‘Consultation Paper’ ippubblikata xi gimgħat ilu dwar ‘Abbozz ta’ Liġi’ fuq il-Kunsill tal-Maltin li jghixu Barra u dwar twaqqif tal-Istitut Kulturali Malti.
Jakkumpanja lill-Ministru Cristina f’din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Sur Mario Schiavone, Communications Co-Ordinator tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja.
Madwar 60 membru tal-Komunita’ Maltija attendew għal din il-laqgħa. Fost dawk preżenti kien hemm l-E.T. is-Sur Francis Tabone, Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja; is-Sur Charles Mifsud, Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Victoria; Fr Mario Zammit, Provinċjal fl-Awstralja tas-Soċjeta’ Missjunarju ta’ San Pawl; Fr Denis Carabott, tal-istess Soċjeta’; Prof. Maurice Cauchi, President, MCCV; l-Avukat Victor Borg, Viċi President, MCCV; is-Sur Gejtu Deguara, Viċi President, MCCV; is-Sinjura Edwina Mallia, Segretarja, MCCV; Dr Edwin Borg-Manché, PRO, MCCV; is-Sinjura Rosemary Attard, Welfare Director, MCCV; is-Sinjura Marilyn Pace, Assistenta Segretarja, MCCV, kif ukoll rappreżentanti tal-għaqdiet.
Il-Professur Maurice Cauchi, President tal-Kunsill Malti tal-Victoria, fetaħ il-laqgħa billi ta merhba lill-Onor. Cristina u lil dawk prezenti.
Wara tkelmet l-Onor Cristina, li wara li rringrazzjat lill-MCCV li organizzaw din il-laqgħa, tat merħba lil dawk preżenti. Hija wkoll għamlet apoloġija li fl-aħħar mumenti, l-Onor Tonio Borg, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, kellu jħassar iż-żjara tiegħu fl-Awstralja fejn kien se jakkumpanja lill-President, minħabba dmirijiet oħra, speċjalment minħabba l-problemi li hemm bħalissa fil-Mediterran.
Il-Ministru Cristina tkelmet fuq Boroż ta’ Studju għal dawk li jixtiequ jistudjaw f’Malta u għaddiet messaġġ dwar il-Mużew tal-Emigranti f’Malta mingħand Monsinjur Philip Calleja u Fr Alfred Vella. Ħaġa oħra li hija tkelmet fuqha kien li forsi aktar ‘il quddiem jintbagħtu għalliema tal-Malti minn Malta biex iħarrġu lil dawk li jgħallmu l-Malti hawnhekk.
Wara li l-Onor. Cristina tkelmet fuq il-‘Consultation Paper’ ippubblikata xi ġimgħat ilu dwar ‘Abbozz ta’ Ligi’ fuq il-Kunsill tal-Maltin li jgħixu Barra u dwar it-twaqqif tal-Istitut Kulturali Malti, hija stiednet lil dawk prezenti biex jistaqsu xi mistoqsijiet. Il-Professur Maurice Cauchi ppreżenta kopja tas-sottomissjoni tal-Kunsill Malti tal-Victoria dwar il-‘Consultation Paper’ lill-Ministru Cristina, li fiha il-Kunsill fisser fid-dettal il-hsiebijiet tiegħu dwar is-suġġett.
Fost dawk li tkellmu u staqsew mistoqsijiet kien hemm il-Kav. Joe Attard (Maltese Association Hobsons Bay) u s-Sur Charles Caruana tal-istess Ghaqda; is-Sur Emmanuel Brincat (Radju 3ZZZ); is-Sinjura Edwidge Borg (Viċi President tal-Federazzjoni tal-Iskejjel Maltin); is-Sur Joe Zammit (Maltese Cultural Centre); is-Sur Manwel Cassar (Grupp Letteratura Maltija); is-Sur Mario Bonnici; l-Avukat Victor Borg (Viċi President, MCCV); is-Sur Lewis Stafrace (Radju 3ZZZ); Fr Denis Carabott (MSSP); is-Sinjura Marlene Galea (Radju SBS); is-Sur Jim Dingli (St. Paul’s South Eastern Suburbs); is-Sur Raymond Gatt (Ghaqda San Bastjan); Georgina Scilio (Klassijiet tal-Malti); is-Sur Caesar Vella (Reskeon Maltese Association and Reskeon Seniors Group); is-Sur Gejtu Deguara (Għaqda San Gejtanu uViċi President, MCCV) u s-Sur Ben Soler (Maltese Australian Association).
Il-mistoqsijiet kienu varji u trattaw fuq il-lingwa Maltija, programmi televiżivi ta’ l-aħbarijiet minn Malta li jintwerew fuq l-SBS TV kull nhar ta’ Ħadd, kotba Maltin li jiġu ppublikati barra minn Malta, it-tagħlim tal-Malti, boroż ta’ studju, il-Passaport Malti, il-Karta tal-Identita’ Maltija, Karta Anzjan u affarijiet oħra.
Ħafna mill-mistoqsijiet ma kellhomx x’jaqsmu mas-suġġett li resqet l-Onor. Cristina ghall-konsultazzjoni, u forsi lanqas kienu mistoqsijiet li hija setgħet tirrispondi fuqhom minhabba li ma kellhomx x’jaqsmu mas-suġġett tal-laqgha u lanqas mal-Ministeru taghha.
Wara l-laqgha li damet aktar minn saghtejn, saru ringrazzjamenti miz-zewg nahat u gew servuti xi rinfreskanti. Il-Ministru Cristina imbagħad ippuzat ghal xi ritratti ma’ membri tal-għaqdiet Maltin preżenti bħala tifkira ta’ l-okkażjoni.