Ir-Rumani kienu jgħidu li dak li jinkiteb jibqa’ (jew bil-latin “quod scriptum est manet”). Għal sekli kbar il-bniedem uża mezzi diversi biex jilħaq l-immortalità. Ħafna artisti ħallew warajhom pitturi u skulturi grandjużi ta’ kull ġens u għamla, awturi kitbu kotba brillanti fuq kull sura ta’ suġġett, u politiċi u nies oħra prominenti għamlu għemejjel straordinarji, kemm tajbin u kemm ħżiena, li għalihom baqgħu msemmijin fl-istorja.
Mhux kulħadd li mexa fuq din il-pjaneta ħalla warajh xi ħaġa permanenti li baqgħet tfakkar l-eżistenza tagħhom. Mal-mixja tas-snin, bl-avvanz enormi tat-teknoloġija, speċjalment fl-aħħar ftit għexieren ta’ snin, saret progressivament aktar faċli li nħallu warajna xi tifkira fiżika, żgħira kemm hi żgħira.
Bl-invenzjoni tal-istamperija mekkanika mill-famuż stampatur Ġermaniż Johannes Gutenberg f’nofs is-seklu ħmistax bdiet rivoluzzjoni fit-tixrid tal-kelma miktuba. Wieħed seta’ jagħmel ħafna kopji tal-istess ktieb jew dokument malajr mingħajr ma joqgħod jistenna żmien twil sa kemm l-iskribi jirriproduċuhom b’idejhom.
Forsi l-invenzjoni akter riċenti li kienet daqstant importanti seħħet xi tletin sena ilu u qed nirreferi għall-kompjuter personali u l-internet. Dawn iż-żewġ fenomeni iffaċilitaw il-pubblikazzjoni u x-xandir ta’ l-informazzjoni u fetħu il-mezzi ta’ komunikazzjoni għal użu ta’ Ċikku l-Poplu. Il-mewġa tal-internet ġiet bħal tzunami inevitabbli u enormi li għattiet l-globu, daqs li kieku it-tibdil fil-klima seħħet l-ewwel virtwalment u ġabet magħha bidla enormi fil-ħajja tagħna ta’ kull jum.
Il-ħajja ta’ Malta u tal-Maltin intlaqtet ukoll minn dan it-tzunami elettroniku. Skond l-istatistika, fl-2009 tlieta minn kull ħames residenti ta’ Malta wżaw l-internet. Il-ħajja tant inbidlet li wasalna fis-sitwazzjoni illum li jekk ma tafx tuża l-kompjuter u tirkeb il-mewġ fuq l-internet, tiġi kkunsidrat bħala wieħed illiterat u li għadek tgħix fil-medju evu.
Illum għandna mezzi ġodda u diversi ta’ kommunikazzjoni istantanja. Hemm sit elettroniku fuq l-internet li jissejjaħ ‘Twitter’ li hu apposta għat-tpespis (‘tweets’) jew messaġġi qosra ta’ mija u erbgħin ittra massimu li tista’ tibgħat f’ħakka t’għajn lis-segwaċi tiegħek kollha. In-numru ta’ segwaċi jiddependi kemm inti popolari. Il-kantanta popolari Lady Gaga għandha 10.8 miljun segwaċi, ‘l fuq minn żewġ miljuni aktar mill-President Amerikan Barack Obama!
Fuq dan is-sit tista’ tpespes istantanjament messaġġi qosra lil ħbiebek u qrabatek, ħsiebijietek u l-idjeat li jgħaddu mqar għal nofs sekonda minn rasek. Bil-ħaqq insejt insemmi li tista’ tpespes lejl u nhar u li jrid ikollok telefon ċellulari jew kompjuter biex tpespes. Għalhekk illum ħadd m’għandu skuża għaliex ma jistax jinforma lil sħabu b’dak kollu li qiegħed jaħseb jew x’ bi ħsiebu jagħmel. Insomma, fi ftit kliem, dinja ta’ kuntatt permanenti sebgħat ijiem fil-ġimgħa, erbgħa u għoxrin siegħa kull jum.
Mezz ieħor eċitanti u ndispensabbli ta’ kommunikazzjoni istantanja llum hu dak ta’ preżenza personali virtwali fuq l-internet f’forma t’ogħqda fix-xibka soċjali elettronika. Fi ftit kliem, jekk m’intix fuq Facebook, ma teżistix! M’għandekx ħbieb. M’intix popolari. Ħadd ma jaf bik. Għall-anqas hekk jaħsbu ż-żghażagħ tas-seklu wieħed u għoxrin.
Mhux eċċezzjoni li wieħed ikollu ’l fuq minn xi ħames mitt ħabib elettroniku fuq Facebook. Ħalliha li skond ir-riċerka ħadd m’għandu kapaċita li jsir jaf sewwa u jmantni relazzjoni effettiva, stabbli u ħajja ma’ aktar minn mija u ħamsin persuna, magħruf bħala ‘n-numru ta’ Dunbar’, antropologu Ingliż li kien ippubblika artiklu fuq dan-is-suġġett xi għoxrin sena ilu. Dawk li jużaw Facebook ftit jgħaddilhom minn rashom li fir-realtà dawn l-hekk imsejħin ‘ħbiberiji elettroniċi’ huma fil-maġġoranza superfiċjali u mhux ħbiberiji fis-sens ta’ natura tradizzjonali ta’ żmien qabel il-miġja tal-internet.
Illum b’Facebook wieħed jista’ jorganizza avvenimenti soċjali bħal festin u jiffranka l-ispejjeż tal-invit u tal-posta. Kull ma trid tagħmel hu li toħloq avveniment elettronikament u tistieden lil min trid minn ħbiebek u qrabatek. Però azzjoni bħal din mhix mingħajr il-perikli tagħha, bħalma skoprew il-ġenituri ta’ xebba li ħadet żball u minflok ma ħolqot avveniment privat u ristrett għal numru zgħir ta’ ħbiebha, ħolqot avveniment miftuħ lil kulħadd! Imbeżżgħin li xi folla kbira kienet se titfaċċja dak in-nhar tal-avveniment, il-ġenituri u t-tfajla għamlu żgur li ma kienux d-dar dak inhar tal-avveniment u kellhom saħansitra jitolbu l-għajnuna tal-pulizija għal li jista’ jkun.
Preżenza fuq Facebook tfisser ukoll li jkollok il-ħajt tiegħek li fuqu ħbiebek ikunu jistgħu iħażżu xi messaġġ jew kumment fuq xi messaġġ tiegħek stess jew li jkun ħalla xi ħaddiehor. Dawn il-kummenti u messaġġi jkunu jistgħu jinqraw minn ħbiebek kollha! M’għandniex xi ngħidu, il-kwalità tal-kummenti mhix ta’ xi livell letterarju ogħli jew profond. Ħafna kummenti infatti huma banali u bla sustanza.
Apparti n-nuqqas ta’ sugu fil-kummenti, x’ingħidu ghall-ħela enormi ta’ żmien u s-siegħat twal li jqattgħu iz-żgħażagħ fuq Facebook biex jiflu bir-reqqa kull kelma li ħallew ħbiebhom fuq il-ħajt tagħhom u ta’ ħbiebhom. Għalliema u ġenituri qed jilmentaw li l-istudenti u t-tfal tagħhom minflok jistudjaw qed jaħlu l-ħin fuq Facebook. Saru bħal ivvizzjati u dal-vizzju mhux li tgħelbu malajr. Il-kurżità umana hi forza qawwija tassew.
Aktar inkwetanti huwa r-reżultat ta’ studju riċenti fuq dal-fenomenu ta’ żmienna, li hu Facebook. Sabu li qed jikkawża anki dipressjoni fost il-generazzjoni li tiela’. Mhux diffiċli tifhem għaliex. Jekk sħabek iħalluk barra minn xi avveniment soċjali li jorganizzaw elettronikament u ma jistiednukx, jaqbduk id-dwejjaq u rabja kbira għax tkun tħallejt barra u ħbiebek malajr jindunaw li m’għadekx membru tal-klikka. L-aħħar tad-dinja għal ħafna zagħzagħ!
Ħafna minn dawk li jużaw Facebook ipoġġu r-ritratti tagħhom biex sħabhom ikunu jistgħu jaraw kif u fejn qattgħu l-aħħar btala tagħħom jew l-aħħar avveniment soċjali li attendew. Erħielhom jikkumentaw fuq ir-ritratti ta’ xulxin! Ftit jirrealizzaw li dawn ir-ritratti u informazzjoni oħra fuq Facebook qed jintużaw minn sidien ta’ kumpaniji biex isiru jafu kif iġibu ruħhom l-impjegati tagħhom meta mhumiex ix-xogħol. Xi wħud spiċċaw biex tilfu l-impieg tagħhom minħabba xi kummenti irresponsabbli li jkunu għamlu fuq Facebook jew xi ritratti kompromettenti li spiċċaw hemmhekk.
Meta tqies kollox, il-ħela ta’ żmien u l-perikli l-oħra li jista’ joħloq Facebook, forsi mhux ħaġa tant ħażina li ma teżistix fuqu għax jekk ma taqgħodx attent biż-żejjed, jista’ jirvinalek ħajtek f’ħakka t’għajn u jaqlibhielek ta’ taħt fuq.