Minn Paul Vella Nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Mejju, 2014, il-komunità Maltija ta’ Melbourne tat l-aħħar tislima lil Charlie Zammit “Iż-Żiffa”, fil-Knisja ta’ St Leo, North Altona, fi knisja ppakkjata sal-foyer u madwar 200 ruħ barra.
Kien hemm madwar 12-il għaqda Maltija li kien preżenti bl-istandardi tagħhom.
Fid-9.30 am beda r-Rużarju u wara kien hemm il-Quddiesa Funebri li kienet iċċelebrata minn Fr Edwin Agius, tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
L-Eloġju sar mis-Sur Rod Boyd, General Manager tar-Radju Komunitarju Stereo 974 FM, minn fejn Charlie xandar programmi Maltin għal ħafna snin.
Wara sar il-funeral..
Ħadna l-aħbar tal-mewt ta’ Charlie Zammit “Iż-Żiffa” nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju, li ħakmet lil ħafna bħal sajetta fil-bnazzi, minħabba li l-ġimgħa ta’ qabel kien ippreżenta l-programm Malti flimkien ma’ Raymond u Marie Louise Anastasi u oħrajn, fosthom martu, Carmen.
Charlie twieled l-Imsida fl-4 ta’ Novembru, 1940 u ta’ 18 emigra lejn l-Awstralja fuq Strathnaver. Fl-1956 huwa zzewweg il Carmen, nee` Borg, mill-Marsa.
Charlie kien jaħdem bħalal aġent tal-ivjaġġar. Imma l-aktar li kien magħruf hu fix-xoghol tiegħu fost il-Komunità Maltija. Huwa kien xandar ta’ programmi Maltin fuq Stereo 974 FM, fejn qabel l-istazzjon kien 3WRB. Minn fuq dan l-istazzjon hu kienu jieħu sehem fiż-żewġ programmi, l-Erbgħa u l-Ħamis, “Maltese Magazine” u “Merħba”, rispettivament. Huwa għamel żmien ukoll fuq ir-Radju Komunitarju 3ZZZ.
Barra r-radju, Charlie kien magħruf ħafna bħala kantant u attur tal-palk, fejn għamel żmien mitħla tal-Maltese Performing Arts fejn ha sehem f’ħafna produzzjonijiet, forsi waħda mill-iktar li niftakru kienet “Il-Ħanut ta’ Dwinu” flimkien mall-mibki u qatt minsi, Edwin Baldacchino, li kien ħalliena eżatt sena ilu. Din il-produzzjoni kienet xogħol ta’ Manuel Casha. Charlie ħadem f’ħafna produzzjonijiet oħra ma’ din il-kumpanija teatrali.
Charlie kien kantant ta’ kanzunetti Maltin u forsi l-aktar popolari kienu “Id-Destin” (mill-“Il-Ħanut ta’ Dwinu”), “Il-Ladru” u “Unforgetable”, dwett mall-kantanta żagħżugħa Maltija minn Melbourne, Irene Attard.
Charlie ħadem ma’ ħafna għaqdiet Maltin fosthom l-Għaqda ta’ Ħal Tarxien li ftit ilu ċċelebraw il-festa ta’ Marija Annunzjata f’Melbourne. Huwa kien ukoll il-President tal-Janannie Recreation Club ghal persuni b’diżabilita` b’assoċjazzjoni mall-Migrant Resource Centre ta’ North Altona.
Huwa għamel ħafna xogħol komunitarju meta kien jiġi mistoqsi minnu.
Charlie, li kellu 73 sena, ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu, Carmen, lill-ibnu, Michael, martu, Monica, u t-tfal tagħom, Corey, Kyle, Shilo u Ava, lill-omm Carmen, Nena Borg fost ħafna qraba u ħbieb.
Noffru l-kondoljanzi tagħna lil mart Charlie, Carmen, ibnu Michael u lill-familja kollha.
Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.