Din is-sena, s-Soċetà Missjunarja ta’ San Pawl, qegħdin jiċċelebraw il-100 Anniversarju mit-twaqqif tas-socjetà tagħhom li ġiet imwaqqfa minn Mons. Gużeppi De Piro.
Kien fit-30 ta’ Ġunju tal-1910, meta Mons. De Piro laqa’ l-ewwel żewġ membri tas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Fil-21 ta’ Ġunju tal-1927, il-Fundatur bagħat lil Joseph Caruana, wieħed mill-ewwel żewġ membri, lejn Ethiopia fejn baqa’ jaħdem hemm sakemm miet fl-1975.
Kien f’Awwissu tal-1948, meta Fr Augustine Grech u Fr Peter Paul Borda waslu l-Awstralja u minn dak iż-żmien il-membri ta’ din is-Socjetà ma waqfux jaħdmu fost il-Maltin.
Għalkemm is-Socjetà fl-Awstralja ċċelebraw f’Sydney dan l-anniversarju, issa kien imiss lil Melbourne u ċ-ċelebrazzjonijiet kienu bil-kbir.
Nhar il-Ħadd 28 ta’ Novembru is-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl organizzat kunċert kbir u wara Quddiesa fil-Knisja Kattolika tal-Kroazji ta’ San Leopoldu, Ardeer. Aktar minn 750 ruħ imlew is-sala għall-kunċert li beda fis-2 pm.
Il-kompers kienu Natalie Penza neé Azzopardi u Lee Revell li t-tnejn qasmu magħna l-esperjenza tagħhom mal-membri tas-Socjetà.
Michael Lapina u Liz Burrows fetħu l-programm b’kanzunetta. Wara li dawk preżenti semgħu x’konna qegħdin niċċelebraw, il-100 Anniversarju tal-MSSP, il-Provinċjal tal-MSSP fl-Awstralja, Fr Mario Zammit, ġie mistieden fuq il-palk biex jagħmel diskors tal-ftuħ. Imbagħad rajna dokumentarju ta’ kwarta fuq iż-żewg screens kbar li kien hemm, dwar il-ħajja ta’ Mons. De Piro.
Mary Farell u Josephine Borg, minn NSW, ukoll qasmu magħna l-esperjenzi tagħhom, kif ghamlet ukoll Sr Majella Tracey FMM. Wara li rajna preżentazzjoni fuq is-servizzi li taw l-MSSP f’dawn l-aħħar mitt sena, kulħadd ġie mistieden biex jieħu kikra te jew kafe’ u xi ħaga tal-ħelu.
L-ewwel kelliem tat-tieni taqsima kien Fr Mark Grima, mid-dar tas-Socjetà f’Manila, il-Filippini, fejn wara li spiċċa, żeffiena Filippini, Gintong Kultura, tawna żfin tradizzjonali tagħhom.
Fuq nota umoristika imbagħad kellna bħal sketch zgħir minn tliet żagħżagħ, Nathan, Emily u John fuq direzzjoni ta’ Red Lusterio, Youth Minister fil-parrocca ta’ St. James, Hoppers Crossing North.
Hawn, Fr Mario Zammit ippreżenta cheque lil Red Lusterio u Sr Anna Chircop, mill-parrocci ta’ St. James u St. Bernadette rispettivament, biex jgħinu jisponsorjaw żagħżagħ għall-‘World Youth Day’ f’Madrid, Spanja, is-sena d-dieħla.
Il-Viċi President tal-Kunsill Malti tal-Victoria, l-Avukat Victor Borg gie mistieden biex jitkellem dwar l-armonija li dejjem kien hemm bejn il-komunità Maltija u l-membri tal-MSSP u l-għajnuna li dawn tal-aħħar dejjem taw lill-komunità.
Imbagħad indaqqet il-kanzunetta Sharing His Dream fuq Mons. De Piro, Din ġiet kantata mill-kompożituri u l-awturi, Belinda Hyland u Judith Camilleri. Wara din il-kanzunett ġie mistieden fuq il-palk is-Superjur Ġenerali tal-MSSP, Fr Bernard Mangion.
Kellha ssir preżentazzjoni ta’ fjuri lil Bev Tessari u Carmen Grech, voluntieri mill-parroċċa ta’ St. Bernadette, North Sunshine, li jieħdu ħsieb il-programm li jisponsorja lil tfal fil-missjonijiet tas-Socjetà, li ma saritx minħabba li għal xi raġuni ma setgħux jattendu. Il-ħlas ta’ $60 fis-sena jgħin biex jieħdu ħsieb tifel jew tifla fil-missjonijiet f’idejn is-Socjetà, u jedukawhom. Għal aktar tagħrif dwar dan tistgħu iċċemplu lil Bev (03) 9364 8168 jew lil Carmen fuq (03) 9311 6317.
Saret preżentazzjoni ta’ fjuri lil Tess Mijares, li kkordinat dan l-avveniment li vera ħaqqha prosit kbir għaliex kollox mar sewwa u kollox kien mill-aħjar. Naturalment il-membri tal-MSSP wkoll taw is-sehem tagħhom biex dan l-avveniment kien wieħed ta’ suċċess. Fr Jude Pirotta wkoll ġie mistieden biex jgħid kelmtejn ghall-okkazjoni.
Qabel ma kulħadd daħal fil-Knisja ghall-Quddiesa, ħadna sehem f’cerimonja Aboriġina, tal-art (ħamrija), nar u l-ilma, li giet ippreżentata minn Vicki Clark, Co-Ordinator tal-Aboriginal Catholic Ministry Team.
Il-Knisja kienet ippakkjata minn dawk li attendew għal din il-Quddiesa li għaliha gew aktar nies u deher li kien hemm madwar 900 ruh.
Il-Quddiesa giet iċċelebrata mill-Arcisqof ta’ Melbourne, Denis Hart bhala Prim Celebrant. Koncelebranti kienu il-Vigarju Generali, l-Isqof Les Tomlinson, u l-Isqof Bosco Penha, minn Mumbai, l-Indja, flimkien mas-Superjur Ġenerali tas-Socjetà, Fr Bernard Mangion, MSSP u l-Provinċjal, Fr Mario Zammit, MSSP. Dan barra minn 24 saċerdoti oħrajn, kemm tal-MSSP u Djocesani kif ukoll Brother Pantaleresco, MSSP. Kienet Quddiesa Solenni u sabiħa ħafna. L-Omelija saret mill-Arcisqof Denis Hart. Wara l-Quddiesa sar riċeviment fis-sala tal-Knisja.
Kien hemm mejda mimlija b’souvenirs u CDs u ġejt imgħarraf minn Fr Mario Zammit, MSSP, li għad fadal xi ftit u jekk ikun hemm xi ħadd interessat f’dan għandu jagħmel kuntatt miegħu fuq 0403 843 796.
Ghal darb’ohra prosit lis-Socjetà għall-mod kif ġie organizzat il-kunċert u l-Quddiesa ghaċ-ċelebrazzjoni taċ-Centinarju tas-Socjetà tagħhom u minn qalbna nixtiequlhom l-isbaħ xewqat u nofrulhom it-talb tagħna biex ikomplu jaħdmu fil-Qasam tal-Mulej, speċjalment fost l-emigranti Maltin.