NEWS Membru tal-komunità Maltija-Awstraljana f’Melbourne, Manwel Cassar, ġie l-ewwel fis-sezzjoni tal-Malti tal-Konkors ta’ Poeżija Monsinjur Amante Buontempo imniedi mill-Għaqda Poeti Maltin.
Ir-rebħa hija ta’ gieħ konsiderevoli kemm għall-ilsien Malti letterarju li xtered barra x-xtut ta’ Malta, u kemm ghal Manwel Cassar personalment. Ilna nafu b’Manwel bħala poeta stabbilit li barra x-xandir f’kotba antoloġiċi, sikwit jaqra xogħlijietu fil-laqgħat ta’ kull xahar tal-Grupp Letteratura Maltija.
Dan il-Konkors tal-Poeżija jsir kull sena mill-Għaqda Poeti Maltin, li hija bbażata f’Malta, u jiġbed għadd ġmielu ta’ poeti Maltin, ġeneralment lokali. Il-Konkors fih il-mertu tiegħu u ntrebah minn ismijiet magħrufa u mhumiex. Il-poeżiji sottomessi ta’ did-darba ma ridux ikunu ta’ iktar minn 20 vers.
Il-poeżija ta’ Manwel Cassar iġġudikata rebbieħa minn tliet eżaminaturi jisimha ADAĠJO. Din il-poezija mhix komuni fis-sens li ma tfaħħarx jew ma tmaqdarx lil xi ħadd jew xi ħaġa u lanqas ma tagħti tagħlima. Hija ta’ 16-il vers li b’għadd ta’ stampi u kliem magħzul toħloq buli (“mood”) ta’ meditazzjoni u introverżjoni bħalkieku tħassib fl-għabex.
ADAĠJO
Kiebja. wieqfa fuq plier tal-marbat,l-aħħar
gawwija, rasha mdeffsa f’għonqha, tilbes
l-aħħar vjola tax-xemx fl-aħħar ta’ triqtha.
Bla seħħlu jbattal it-tagħbija, jsewwed
fix-xefaq bastiment jistenna l-għada.
Xfar għajnejh miblulin bid-dmugħ hemm tfajjel
b’rasu mserrha fuq sider ommu, rasha
immejla, mitlufin fil-baħħ għajnejha.
Fuq mewġ sħab kwiet f’baħar is-sema jdallam,
fuq sħab mewġ qajl fis-sema skur tal-baħar,
terħi d-dija aħħarija tax-xemx nieżla,
nieżla, nieżla bil-mod il-mod għajjiena.
Taħrika waħdanija, żiffa ssawwar
irxiex mill-baħar. Timla bih u ddemmgħa
għajn kajjikk inkaljat, maqlub fir-ramla.
Vjola kitarra-qalb, sħaba ddoqq kiebja.
Manwel Cassar