L-Indirizz tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr George Abela
Lakeside Reception Centre, Taylors Lakes, Melbourne
L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu 2011
Qiegħed hawnhekk, kif intqal, fil-kariga ta’ President ta’ Malta, mhux biss għaliex twelidt u għext ukoll għal bosta snin, u għadni ngħix, Malta, imma għaliex ukoll, Professur Cauchi, għext ukoll hawnhekk fl-Awstralja, preċiżament f’Melbourne. Kien minn tfuliti nisma’ dejjem fid-dar tagħna dwar iż-żmienijiet, ma kienux twal, li qattajna f’Fitzroy u żmienijiet ukoll aktar tard li qattajna f’Collingwood. Minħabba wkoll il-konnessjonijiet sportivi tiegħi, nifirħilhom lil ta’ Collingwood għar-rebħa [tal-kampjonat is-sena l-oħra].
Allura meta ħallejna għall-aħħar parti taż-żjara tagħna ġewwa l-Awstralja, kif igħidu “ta’ l-aħħar ibaħħar”, preċiżament ġejna fostkom ġewwa Melbourne il-għaliex riedna nagħtu wkoll sinjal qawwi illi aħna il-kommunita’ qawwija ta’ ‘l fuq minn 40 fil-mija tal-emigranti tagħna tinsab preċiżament hawnhekk. Riedna niġu hawnhekk ħalli nkunu magħkom, naqsmu magħkom il-ferħ, id-dwejjaq ukoll illi ġieli għaddejtu minnu, u flimkien naqsmu l-esperjenzi tagħna. Huma esperjenzi li bdew, naħseb li taqblu miegħi, dawk minnkom li ġew fiż-żmienijiet tal-ħamsinijijet u s-sittinijiet, kienu żmienijiet iebsin, tlaqna minn sitwazzjoni diffiċli f’pajjiżna, meta kien hemm id-“downsizing” tal-forzi Ingliżi. Diffiċli kienet wkoll is-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna. U ġejna, b’tama qawwija, bi speranzi kbar, f’art li ma konniex nafuha, ħlief dawk li kienu lesti jagħtuna l-akkommodazzjoni, u wkoll kif ġejna ħafna minna, kien hemm bżonn li niġu assistiti finanzjarjament biex nagħmlu, dak iż-żmien, vjaġġ bil-vapur li kien jieħu 30, 33 jew 40 ġurnata. Aħna fid-dar tagħna, jissemma wkoll fil-passaport li għad għandi u li ngħożż ħafna tal-mejjet missieri il-vapur “Asturias” ittimbrat fuqu, il-vapur li bih ġie hawnhekk Melbourne, l-Awstralja.
Allura, hawnhekk qiegħed fostkom jiena biex inġedded dawn il-memorji sbieħ, memorji li għenuna ukoll biex kbirna u ninsabu fis-sitwazzjoni li qeghdin illum. Kbirna bħala familja, rabbejna t-tfal tagħna hawnhekk, u llum nieħu pjaċir ngħid xi smajt jiena, sija meta kont mal-Gvernatur ġewwa News South Wales, sija mal-Gvernatur t’hawnhekk dal-għodu, sija jekk kont il-bieraħ mal-Prim Ministru Gillard, kollha jitkellmu fuq il-kommunita Maltija ġewwa l-Awstralja bl-akbar kliem ta’ tifħir. Mhux biss għax il-kommunita’ Maltija ħafna drabi hija wkoll kostitwenta ta’ dawn in-nies partikolarment tal-Prim Ministru, imma wkoll għaliex intom għamiltu l-istorja ta’ suċċess tagħkom. Kulħadd, fil-varji linji a’ ħajja illi qbadtu, sija jekk fil-ħajja ta’ negozju, sija jekk fil-ħajja ta’ xogħol normali, jekk inhi ħajja ta’ professjoni, kulħadd fit-triq tiegħu għamel l-istorja tiegħu ta’ suċċess, qiegħed fejn qiegħed illum.
Pero’ huwa tajjeb li ma nifqgħux fis-snin ħamsin, ma nifqgħux fis-snin sittin, ma nilgħalqux fina nfusna u ngħidu li Malta nibqgħu nafuha kif konna u ħallejnieha fis-snin ħamsin jew kif ħallejnieha fis-snin sittin. Malta mxiet ‘l quddiem. U mxiet sew ‘l quddiem. U intom f’din l-art altru kien dak iż-żmien li ġejtu fiha l-Awstralja fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet ħafna minnkom, u altru l-Awstralja tal-lum. Intom imxejtu maż-żmienijiet. U allura, l-appell tiegħi, u hija r-riflessjoni tiegħi li ltaqjt mal-kommunitajiet tagħna f’dal-kontinent, huwa dan: mhux biss li ningħaqdu, l-aktar ħaġa importanti li nibqgħu magħqudin bejnietna u ma nintilfux fil-piki ta’ bejnietna, fil-ħmerijiet ta’ bejnietna, il-għaliex f’kontinent bħal dan, avolja aħna forza qawwija, qegħdin numru qawwi ta’emigranti hawnhekk, importanti li l-forzi tagħna, l-enerġiji tagħna, ngħaqduhom flimkien u mhux nintilfu fil-piki ta’ xulxin, u nimxu ‘l quddiem.
Jekk it-twaqqif u l-iskop kollu tal-assoċjazzjonijiet tagħna li twaqqfu, tal-Kunsill bħal dak li għandkom tant attiv hawnhekk, kien dan preċiż li jiġborkom flimkien, li jgħaqqadkom flimkien, ċertament li mhux l-iskop tiegħu li nieqfu f’mument ta’ żmien. Importanti li nibqgħu mixjin u naġġornaw ruħna.
U allura l-appell tiegħi jmur ukoll kif int fil-familja tiegħek, lit-tfal tiegħek, lil uliedek trid trabbihom u tkabbarhom li jkunu aħjar minnek. Mhux kollha hekk aħna l-ġenituri? Aħna nagħmlu suċċess fil-ħajja tagħna u rridu li uliedna jagħmlu suċċess aktar minna.
Allura jien nieħu pjaċir nara illi fl-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet tagħna, fil-Kunsilli tagħna, biex tibqa’ tissaħħaħ din it-tradizzjoni Maltija f’dal-kontinent, hemm bżonn li nilqgħu fi ħdanna ukoll demm ġdid, żagħżagħ li huma ulied tagħna, li huma mill-ewwel jew it-tieni ġenerazzjoni. Għaliex huwa b’dal-mod biss li aħna irridu nibqgħu vibranti, b’saħħitna, kommunita’ hawnhekk ġewwa l-Awstralja, li nagħmlu l-impatt tagħna li nkomplu mbagħad b’nies li ġew warajna, ikomplu jżommu ħajjin dawn it-tradizzjonijiet tant sbieħ li intom f’isem il-poplu tagħna illum qegħdin iżżommu ħajjin ġewwa l-Awstralja, ġewwa Melbourne. Tradizzjonijiet mill-isbaħ.
X’hemm isbaħ mill-valur tal-familja? Mhuwiex forsi dak distintiv qawwi tal-familja Maltija? X-sagrifiċċji kbar għamiltu intom? Ghal min għamiltuhom intom? Mhux għall-familja għamiltuhom? Biex tkabbru l-familja tagħkom? U mhux ħaġa sabiħa li tara hawnhekk ġewwa l-Awstralja, preċiżament dan it-tisħieħ tal-valur qawwi tal-familja fostna l-Maltin u l-Għawdxin. U dak hu tajjeb li nkomplu tajjeb ngħożżuh.
X’jiddistingwina wkoll aħna bħala Maltin minn popli oħra? Sewwa sew m’għandniex ukoll il-lingwa tagħna, il-Malti? Allura mhux daqstant ukoll importanti aħna, illi naf li jekk niltaqgħu ma’ diffikultajiet li t-tfal tagħna u t-tfal tat-tfal tagħna, qed isibuha ħafna aktar diffiċli biex jitkellmu l-lingwa. Pero’ qed ninnota jien, jekk qed isibuha diffiċli biex jitkellmu l-lingwa, mhumiex daqstant qed isibuha diffiċli biex jifhmu l-lingwa. Isibuha diffiċli biex jitkellmu, imma jekk aħna ngħożżu l-lingwa fid-djar tagħna meta nitkelmu mat-tfal tagħna u mat-tfal tat-tfal tagħna, almenu naslu fil-punt li jistgħu jifhmu il lingwa tagħna u li jifhmu l-għeruq oriġinali minn fejn ġejjin il-familjari tagħhom.
Ma’ tradizzjonijiet oħra li nara hawnhekk b’saħħithom ukoll f’Melbourne, it-tradizzjoni tal-festi. U zgur li nieħdu pjaċir ħafna, u nirrimarkaha bil-qalb din, u memorji sbieħ li se nieħu miegħi, illi għandna niċċelebraw il-festi. Nieħdu gost bil-festa li aħna verament tkun festa, imma festa li niċċelebrawha b’mod ċivili, li nieħdu gost biha u li nagħtu gost lil ħaddiehor. Wara kollox il-qaddisin bejniethom ma jiġġieldux, allura aktar u aktar m’għandniex niġġieldu aħna.
Tradizzjonijiet li nerġa’ ngħid huma ħajjin, b’saħħithom u nirringrazzja jiena lill-kumitat tal-Kunsill hawnhekk, lill-għaqdiet kollha li għandna, illi flimkien dawn żammewhom ħajjin.
Ċertament wasal iż-żmien fl-aħħar, almenu nispera li wasal iż-iżmien, li ma naħlux aktar żmien li nwaqqfu dak il-Kunsill li għadha kif tkellmet fuqu il-Ministru Dolores Cristina. Il Ministru kellha u se jkollha l-appuntamenti tagħha biex tisma’ mingħandkom x’inhuma l-veduti tagħkom. Pero’ ejja ma nitilfux nerġgħu xi għaxar snin oħra u nkunu għadna ma wasalniex biex waqqafnieh il-Kunsill illi l-Gvern qed jintrabat wara l-ahhar konvenzjoni li saret illi issur bil-forza tal-liġi ħalli jkun qiegħed hemm biex jirregola ukoll ir-relazzjonijiet tal-kommunitajiet Maltin.
U allura irrid nagħalaq fuq dan il-ħsieb. Huwa minnu, kif qal il-Professur Cauchi, illi aħna nagħmlu parti , l-Maltin ta’ Malta u l-Maltin ta’ barra minn Malta jagħmlu parti minn nazzjon wieħed, minn nazzjon Malti. Għalkemm niddistingwuh
om bejn il-Maltin ta’ Malta u l-Maltin ta’ barra minn Malta, u l-Maltin tal-Amerika u l-Maltin tal-Kanada u l-Maltin tal-Ingilterra, pero’ jibqgħu lkoll kemm huma Maltin huma fejn huma. Maltin ta’ dik l-art għażiża, li aħna żgħar fil-qies tagħna, iktar u iktar meta tikkomparana ma’ dan il-kontinent, pero’ li aħna pajjiż li hu rilevanti anki fl-istorja li qegħda tiġri llum. Bqajna rilevanti bħala pajjiż fil-Mediterran, fejn qegħedin u, forsi llum aktar minn qatt qabel, qegħedin nuru lid-dinja kemm pajjiżna huwa rilevanti għaliex qiegħed fit-tarf tal-Mediterran, dik il-pożizzjoni strateġika u ġeografika li jinsab fiha, u rajtu l-kommunita’ internazzjonali tfaħħar lil Malta f’dak kollu li għamlet fl-evakwazzjoni ta’ diversi ħaddiema mil-Libja. Isem Malta rega’ xegħel fuq wiċċ id-dinja, Malta tissemma’ l-ħin kollu fl-aħbarijiet u intom hawnhekk ġo dal-kontinent qegħedin tkomplu tkabbru isem Malta. U nieħu pjaċir, nerga’ ngħid jiena, d-dinjitarji , nies uffiċjali ta’ dal-kontinent, bi kliem ta’ tifħir fuqkom.
Nirringrazzjakom ħafna f’isem marti Margaret, f’isem id-delegazzjoni li ġejt biha hawnhekk, ta’ din l-opportunita’ mill-isbaħ li tajtuni il-lejla u se mmur jiena ħafna aħjar minn kif ġejt il-għaliex fil-waqt li segwejt ħafna mill-interventi li kienu saru fil-Konvenzjoni, fil-waqt li bqajt naqra l-interventi li saru fil-Konvenzjoni, pero’ issa kelli din ix-xorti fil-bidu tal-presidenza tiegħi li niġi f’kuntatt dirett magħkom u allura stajt nisma’ u l-lejla se nkompli nisma’ dak kollu li tixtiequ tgħiduli, dak kollu li tixtiequ tipproponu, ħalli jiena wkoll min-naħa tiegħi nagħmel il-parti tiegħi, ħalli intom tkunu verament f’qalbna, nurukom verament li intom f’qalbna kif m’għandix dubju li aħna lkoll qegħedin f’qalbkom.
Grazzi ħafna.