Inidirizz tal-President tal-MCCV, il-Professur Maurice Cauchi
Lakeside Reception Centre, Taylors Lakes, Melbourne
L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu 2011
Merħba lil-President
Nixtieq l-ewwel nett nagħti merħba lil President tar-Repubblika ta’ Malta li llum qed iżurna f’Melbourne. Ahna nħossuna onorati li ġejt fostna, mhux biss fuq visita ta’ Stat, imma ukoll speċifikament, biex tiltaqa’ ma’ ċittadini Maltin li qed jgħixu hawn.
Fil-Victoria nsibu l-akbar numru ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta. Aktar min 40 fil-mija tal-Maltin kollha li jgħixu fl-Awstralja, qeghdin fil-Victoria.
Xi tfisser din il-miġja tiegħek għalina l-Maltin?
L-ewwel nett, nqisu li aħna Maltin daqs dawk il-Maltin kollha li jgħixu Malta, u li qatt ma kellhom l-esperjenza li kellna aħna. U għalhekk, il-miġja tal-President ta’ Malta issaħħaħ fina dan il-kunċett tant għażiż għalina, li aħna konna u bqajna Maltin.
Nistgħu ngħidu wkoll li mill-aħħar Konvenzjoni għal-Maltin li jgħixu barra, li kellna f’Malta eżatt sena ilu, il-kunċett ta’ “Malta Ikbar”, jiġifieri Malta li tinkludi l-Maltin ta’ barra kollha, jgħixu fejn jgħixu, ġie aċċettat minn kulħadd. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-President ta’ Malta huwa wkoll President ta’ din il-‘Malta Ikbar’. Din il-miġja fl-Awstralja tkompli ssaħħaħ dan il-kunċett, tkompli tgħaqqadna flimkien bħala poplu wiehed.
Ħafna minna ilna ngħixu f’dan il-pajjiż aktar minn 50 sena. Imma xorta waħda tibqa fina l-imħabba u l-ghożża li għandna ghal Malta. Din hi xi ħaġa li ħafna mill-Maltin ta’ Malta forsi ma jifhmux biżżejjed, xi tfisser għalina din ir-relazzjoni, u għaliex aħna, wara dan iż-żmien kollu, inħossu li hemm bżonn li nżommu dawn ir-rabtiet ma “l-omm li tagħtna isimha”. Nista’ ngħid li din ir-rabta tibqa’ sħiħa sa kemm ma jibqa ħaj ebda wieħed li twieled Malta. Kif qal wiehed emigrant xi snin ilu: “Inqis lil Malta bħala ommi u l-Awstralja bħala marti”.
Għal-ewwel ġenerazzjoni ta’ emigranti, l-ikbar problema hija li joħolqu relazzjonijiet stabbli, jrabbu familja, jibnu djarhom, isibu impjieg, jagħmlu minn kollox biex uliedhom ma jkollhomx bżonn li jaghmlu is-sagrifiċċi li għamilu huma. Meta naraw is-suċċess tal-maġġuranza ta’ uliedna, inħossuna kburin li dan l-iskop ilħaqnieh. Jekk xi ħadd jistaqsi: fejn hu l-monument għall-emigranti? Nistgħu ngħidu bla mistħija: Ħares madwarek, ifli sew s-soċjeta. Ara l-prodott li ħareġ minn Malta u li qed kull ma jmur joktor u jikkontribwixxi għall-ġid u l-status ta’ din l-art. Dan hu l-monument tagħna.
Eċċelllenza, nispera li tul ż-żjara tiegħek kellek opportunita tapprezza s-sbuħija ta’ din l-art li tant hi differenti minn Malta. Nispera ukoll li, wara din il-miġja fostna, inti tirritorna lejn Malta bħal ambaxxatur għal-Maltin kollha li jghixu barra minn Malta.
—————————-
For those whose understanding of Maltese is limited, perhaps I could summarise what is said in a few words. We Maltese in Australia, who came to this country half a century ago, consider ourselves Maltese no less that those who never left the Maltese islands, and we still treasure our relationship with our mother country.
Maltese outside Malta, when we include the second and subsequent generations, make up a population which compares favourably with that in Malta. We call this ‘Greater Malta’. We consider that the President of Malta is also the President also of this ‘Greater Malta’
Finally, I said that we are proud of the achievements of the Maltese in Australia, from the first generation of migrants, who struggled to establish themselves, to their children and grandchildren, who have achieved considerable success in society, and of which we are duly proud. Thank you.