Erba’ snin ilu l-Gvern Malti nieda l-passaporti taċ-ċippa jew aħjar biometriċi iżda fl-istess waqt introduċa regola riġida ħafna meta daħħal stipulazzjoni li tgħid li l-ismijiet għandhom ikunu l-istess, kelma b’kelma kif huma mniżżla fir-reġistru pubbliku, jiġifieri kif ġew diskritti meta ġew irreġistrati fit-twelid.
Din l-insistenza minn naħa tal-Insinwa ħolqot kunfużjoni u ħafna tgergir għax għadd ġmielu ta’ ismijiet fl-imgħoddi kienu jiġu miktuba bit-Taljan, Latin jew Malti pur.
Uħud għalhekk li kienu Guzeppe, Ċensu, Nenu, Karistu, Dolor saru maż-żmien Joseph, Vincent eċċ.
Id-diriġenti tal-Insinwa iżda baqgħu jinsistu li fil-passaporti u karti tal-Identità l-ismijiet jidhru eżatt kif huma fiċ-ċertifikati tat-twelid. Saru ħafna protesti iżda ħadd ma ċċaqlaq. Anke fejn kien hemm sempliċiment traduzzjoni mit-Taljan/Latin għall-Ingliż. Huma riduk bilfors tmur fis-sekonda awla biex tagħmel rikors bil-liġi biex sempliċiment minn Ċensu tikteb Vincent jew minn Lorenzo jinkiteb Lawrence.
Inħoloq ħafna tgergir. Kien hemm minn kellu wkoll inkwiet serju minħabba li deher li għandu żewġ ismijiet differenti. Ġabet magħha ħafna ostakoli għal dawk iċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra.
Kont wieħed minn tal-ewwel li immilitajt kontra din ir-regola riġida. Ktibt fil-gazzetti u ressaqt il-każ quddiem diversi Ministri. Waqt il-Konvenzjoni tal-Maltin ta’ Barra 2010 kien hemm min qalli li kont qed naħli ż-żmien iżda xorta bqajt ninsisti u nuri kemm din ir-regola riġida kienet qed toħloq inkwiet, xkiel u konfużjoni bla bżonn.
Waqt li kont preżenti fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra li saret fil-Belt Valletta nhar it-18/19 Settembru ġie mħabbar li fis-24 ta’ Lulju 2012 ġiet emendata l-liġi u għalhekk jekk hi sempliċiment kwistjoni ta’ traduzzjoni tal-isem fuq il-passaport, hemm formola li tista’ timtelgħa, tiġi approvata mid-direttriċi tal-Insinwa. Fejn ikun hemm passaport qadim bl-isem meħtieġa ikun iktar faċli. B’hekk ikun jista’ jsir annotament fl-att tat-twelid kif ukoll fl-atti ċivili kollha. Dan ifisser bidla kbira milli kif kienu jsiru l-affarijiet qabel jiġifieri meta kont trid tmur il-Qorti bi ħlas biex sempliċiment ikun hemm traduzzjoni ta’ ismek. Dan jgħodd biss għall-isem u mhux għal kunjom.
Sakemm qed nikteb dan l-artiklu għadni ma rajt l-ebda avviżi uffiċjali li jħabbar dan it-tibdil hekk importanti għalkemm l-liġi nbidlet madwar tlett xhur ilu. [Nota ta’ l-editur: Fil-11 t’Ottubru 2012 il-‘Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Canberra ħarget stqarrija għall-istampa dwar dan. Ara hawn taħt]
Mill-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin ta’ Barra, din kienet aħbar posittiva u prova oħra li meta jkun hemm talbiet raġonevoli nkunu nistgħu mmexxu anke jekk it-tibdil idum ħafna biex jiġi implimentat.
Meta bdejt nargumenta dwar il-konfużjoni u xkiel żejjed fuq l-ismijiet fuq il-passaporti sibt ħajt żonqri quddiemi iżda b’pass wara pass wasalna wkoll għax dak li hu sewwa u ġust qatt ma għandu jiġi mċaħħad liċ-ċittadin.
Din il-bidla fl-ismijiet bdiet tolqot biss lil dawk li japplikaw jew iġeddu l-passaporti iżda kien ikun hemm konfużjoni sħiħa u ferm iktar xkiel kieku kellhom jiġu mġedda l-karti tal-identità meta kull ċittadini jkollu jippreżenta mill-ġdid iċ-ċertifikat li juri l-isem irreġistrat mat-twelid.
———————————————————————————————
Stqarrija għall-istampa 26 – 2012.
REGOLAMENT ĠDID BIEX JINBIDEL ISEM KIF JIDHER F’DOKUMENTI PUBBLIĊI MALTIN
IL-Kummissjoni Għolja Maltija ġewwa Canberra tixtieq tinforma lill-pubbliku in ġenerali u partikularment lill-Komunita Maltija ġewwa l-Awstralja, dwar tibdil fil-Kodiċi Ċivili ta’ Malta li jipprovdu proċess simplifikat li jippermettu individwi biex jibdel isem kif jidher f’dokumenti pubbliċi maltin, bħal passport, għal dak li hu magħruf bih u mhux kif jidher fuq iċ-certifikat tat-twelid.
Artiklu 253 (2A) tal-Kodiċi Ċivili jagħti din l-opportunita billi ssir applikazzjoni lid-Direttur tar-Registru pubbliku Malti, il-Belt Valletta.
Dan il-proċess simplifikat huwa ristrett biss għal isem kif magħruf bih u li huwa traduzzjoni f’lingwa Europea flok dak li jidher fuq iċ-ċertifikat tat-twelid u jkunu jridu li dan l-isem kien jintuza permezz tal- Karta ta’ l-Identita Matija , passport jew jekk dan l-isem jirrizulta minn xi Att ta’ Stat Ċivili ieħor.
Dawk li jixtiequ jieħdu din l-opportunita minn dan ir-regolament ġdid, għandom jimlew formula apposta indirizzata lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku Malti. Il-formula trid tkun magħmula b’ġurament jew dikjarazzjoni fejn juru li l-isem li jridu, kien użat mill-applikant/a f’dokumenti li jkunu ħarġu qabel il-31 ta’ Diċembru 2011 u ffirmat minn Kummissarju li jagħti l-Ġuramenti.
Fejn l-isem mitlub mhuwiex traduzzjoni f’lingwa Ewropea ta’ l-isem li jidher fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, is-sistema preżenti, li tmur fil-Qorti Maltija, tibqa fis-seħħ.
Dan ir-regolament ġdid huwa mistenni li jiġi fis-seħħ dalwaqt.
Din il-miżura qed tiġi implimentata wara diskussjonijiet li saru waqt il-Konvenzjoni tal-Maltin ta’ Barra li saret il-Belt Valletta f’Marzu ta l-2010 u hija pass ieħor il-quddiem biex jitnaqqsu proċeduri burokratiċi.