Nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2013, filgħodu kmieni, ħadna l-aħbar tal-mewt tal-membru tal-Grupp Letteratura Maltija u ħabib tagħna, Laurie Armato.
Laurie kien membru ta’ ħafna għaqdiet Maltin u dejjem ta s-sapport tiegħu għax dejjem ħabb dak kollu li hu Malti. Huwa kien membru għal numru kbir ta’ snin tal-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria għax l-Ilsien Malti kien l-għaxqa tiegħu.
Laurie kien jikteb ħafna poeżiji sbieħ, ħafna minnhom b’togħma umoristika, u ħafna mix-xogħlijiet tiegħu qrahom u ġew ippubblikati f’diversi pubblikazzjonijiet, speċjalment fil-ktieb tal-Programm Mużiko-Letterarju li l-GLM jorganizza kull sena.
Barra li kien kittieb ta’ klassi, Laurie kien ukoll mużiċista, u kiteb ħafna kompożizzjonijiet, fosthom il-Marċ tar-Raħal, li l-kollega tiegħi fuq 3ZZZ, Mario Sammut, jużah bħala ssigla tal-programm tiegħu, “Ejjew Oqgħodu”, u għamel dan għal 24 sena.
Kiteb xogħol għall-Għaqda ta’ Santa Liena, ta’ liema kien ukoll membru, u wieħed ta’ min jinnota li miet f’jum il-festa ta’ Santu Kruċ, fejn f’Birkirkara toħroġ il-vara ta’ Santa Liena, li hu tant kien iħobb.
Laurie kiteb ukoll l-innu għall-għaqda ta’ Reskeon Maltese Association u Reskeon Seniors Group, fuq versi ta’ Dr Clemente Zammit.
Huwa kien espert fid-daqq tal-mandolina, u kien iferraħna bid-daqq tiegħu kemm fil-Programm Mużiko-Letterarju ta’ kull sena kif ukoll fil-Festin tal-Milied, flimkien ma’ sħabu, Manuel Casha, Joe Gauci, Fredu Cachia, Joe Camilleri, Joe Cutajar u Alfie Xuereb.
Jiena ningħaqad mal-kumitat u l-membri kollha tal-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, kif ukoll mal-membri tal-Komunità Maltija in ġenerali, biex noffru l-kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu. It-telfa tiegħu se tinħass minn kull min kien jafu. Dejjem kien lest li joffri l-għajnuna tiegħu u dejjem ta s-sapport tiegħu biex l-Ilsien Malti u l-Kultura Maltija jkomplu jikbru u jinfirxu fost il-komunita’ tagħna fl-Awstralja.
Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
Waħda mill-poeżiji riċenti ta’ Laurie Armato
LIL MALTA: TIFĦIR MILL-BOGĦOD
Ma’ tlugħ ix-xemx, int tlellex qiesek ġawhra,
Matul il-jum, tkun tixbah lir-rubin,
Fi skiet il-lejl, int tqajjem lill-għannejja
Bil-kwiekeb jiddu, fuqek mixgħulin.
Dawk li jżuruk kemm jammiraw sbuħitek
Għax int l-isbaħ mill-fjur fost l-isbaħ ġnien;
Xħin tiżfen inti f’wiċċ il-baħar rieqed
Dlonk jiżfnu miegħek il-Maltin flimkien.
Il-ġnus il-kbar jiftaħru bi qlubitek
Għax fik jaraw dik l-għaxqa ta’ ħolqien;
Fil-gwerer kbar int dejjem ħriġt rebbieħa;
Issa l-hemm mar, għax irbaħt il-ħelsien.
Issa t-turiżmu kiber tant hu mżewwaq
Eluf ta’ nies jiġu minn kullimkien;
Inti tilqagħhom għax veru għaqlija
U l-klima tiegħek bħalha m’hemm imkien.
Kien ħsieb meqjus tingħaqad mal-Ewropa…
Dak kien il-ħsieb illi bih kont intbaħt,
U b’hekk illum magħrufa ġejt mad-dinja
Għax fuq saqajk lil ġismek int saħħaħt.
Niftaħar bik, O ħelwa art twelidi,
Xħin narak tfur, ġo qalbi nħoss mistrieħ;
Mill-bogħod fejn jien, nibgħatlek miljun bewsa;
Mill-bogħod fejn jien, nibgħatlek xewqat sbieħ.
LAURIE ARMATO
Airport West, Frar, 2011