Minn Paul Vella Nhar it-Tlieta, 10 ta’ Ġunju, tħabbret il-mewt ta’ Noè Bonnici, minn Altona, fl-età ta’ 82 sena. Noè twieled Marsaxlokk. Min kien Noè Bonnici? Ħafna kienu jafuh minn fuq programmi tar-radju Maltin f’Melbourne. Oħrajn jafuh ukoll minn programmi tar-radju 3AW speċjalment fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu, għal madwar l-4 jew il-5 ta’ filgħodu.
Snin ilu, Noè kienet tagħtu puplesija li fost l-affarijiet li baqa’ jsofri bihom kaġun ta’ hekk, kien li kważ tilef id-dawl t’għajnejh għal kollox.
Imma kif dejjem ngħidu: “Alla jieħodlok ħaġa u jagħtik oħra”…. Għax il-memorja tiegħu kienet xi ħaġa fenominali.
L-ewwel darba li smajt b’Noè kien xi 25 sena ilu. Meta kont għadni naħdem bħala typesetter mal-Leader Newspapers ġo Blackburn, is-Sibt konna naħdmu l-overtime u konna nibdew fis-6 ta’ filgħodu u malli kont inqum kont nisma’ r-radju (3AW) u dejjem kienet tkun hemm din il-persuna fil-programm talkback u ħafna drabi kien jitkellem fuq il-vapuri.
Kont ngħid bejni u bejn ruħi: “Dan żgur Malti minħabba l-aċċent”. U hekk kien.
Aktar tard, meta bdejt inxandar fuq programmi Maltin fuq ir-Radju Komunitarju 3ZZZ, sirt naf lil Noè aktar mill-qrib u anki kien jiktbli xi nformazzjoni interessanti u anki ġie li rrekordjajt miegħu, speċjalment fuq vapuri li kienu jġibu l-emigranti Maltin
fl-Awstralja.
Barra minn hekk, meta kont nispiċċa l-programm ta’ nhar ta’ Ġimgħa fuq 3ZZZ, dejjem kien iċempel u jgħidli kemm kien ħa gost b’xi ħaġa jew oħra. Ġie li kien jikkoreġini għal xi ħaġa li kont qrajt fil-programm u jien dejjem kont ngħidlu li napprezza dan għax kont naf li din dejjem kienet kiritika kostruttiva. Kont ngħidlu li jekk ma jgħidlix x’kien hemm ħażin, kont ċert li l-ġimgħa ta’ wara kont nagħmel l-istess żball u li jien dejjem kont nieħu gost u lest li nisma’ mingħandu jew mingħand ħaddieħor dwar affarijiet li jistgħu jirranġaw.
Dejjem kien jgħidli fuq l-ammont ta’ kotba li kellu speċjalment meta jiġi għal vapuri jew il-mużika klassika li tant kien iħobb. U xi ngħidu għal ħafna ismijiet ta’ toroq Maltin u għal min ġew imsemmija, jew statwi tal-knejjes u barra u pitturi fil-knejjes Maltin!
Huwa dejjem kellu rakkonti sbieħ u nteressanti ta’ meta kien sajjied Marsaxlokk.
Kif għidt qabel, għalkemm f’dawn l-aħħar snin ma tantx kien jara, allura ma setgħax jaqra’. Imma dak li kien qara’ qabel baqa’ mwaħħal f’moħħu u meta kien jitkellem fuq xi ħaġa dejjem kien ikun eżatt. Meta kien jitkellem fuq it-3AW kien qisu enċiklopedija meta jiġi għal tagħrif fuq kull bastiment li qatt baħħar l-ibħra tad-dinja. Is-semmiegħa kien drawh sewwa fuq dan l-istazzjon u meta ma kien ikun hemm minħabba li forsi kien ikun ma jiflaħx, dejjem kienu jistaqsu għalih.
Jiena żgur se nħoss it-telfa tiegħu.
Minn hawn nagħti l-kondolanzi lil martu, Katarin, li tant dahret bih f’dawn l-aħħar snin, lil uliedu, Mary-Rose u r-raġel Terry, u Samuel u l-mara tiegħu Megan u l-familji tagħhom kollha.
Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.