Il-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Dr George Abela, u l-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor. Dr Lawrence Gonzi, bagħtu messaġġi speċjali tal-Milied lill-Maltin li jgħixu barra.
Hawn taħt qed nirriproduċu it-test tal-messaġġi tagħhom u tistgħu wkoll tisimgħu il-messaġġi.
Messaġġ mill-President Dr George Abela
Audio
{saudioplayer}Messagg-President-Emigranti-2011.mp3{/saudioplayer}
Għeżież ħuti Maltin li tgħixu barra,
Għaddiet sena oħra u nieħu gost nerġa’ nibgħat messaġġ lilkom ilkoll fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied u s-sena l-ġdida.
Qabel xejn, nixtieq infisser id-dispjaċir tiegħi dwar il-Maltin u persuni oħra li tilfu ħajjithom jew indarbu fin-nar li ħakem dar tal-anzjani fi New South Wales, l-Awstralja, fix-xahar ta’ Novembru. Jiena nibgħat il-kondoljanzi lill-familji tagħhom u nittama li l-midruba jinsabu aħjar.
Matul is-sena li għaddiet, naħseb li l-poplu Malti kollu, sew dawk li jgħixu Malta u sew dawk li jgħixu barra minn xtutna, ħassew f’qalbhom jikber aktar is-sens ta’ identita’ nazzjonali, ħassew stimolu akbar li jnissel kburija bil-pajjiż tagħna, meta isem Malta kien fl-aħbarijiet internazzjonali għal ħafna ġranet waqt li konna qed naqdu missjoni importanti bħala centru ta’ attivita’ umanitarja b’risq numru kbir ta’ persuni minn għadd ta’ pajjizi li kienu qed jaħarbu l-periklu waqt il-ġlied fl-Afrika ta’ Fuq. Kienet ħaġa tajba li dan sar f’atmosfera ta’ kunsens wiesa’ fost il-Maltin, kunsens li kien jixraq li noffru servizz lil għajrna f’mument ta’ kriżi li kienet qed tolqot ħafna nies. Naħseb li l-mod li Malta wettqet din il-missjoni lejn dawk kollha li ħtieġu l-għajnuna, mingħajr distinzjoni ta’ twemmin jew post tal-origini, kattar ir-rispett internazzjonali lejn pajjiżna u dan nissel ġo fina fiduċja akbar fina nfusna li aħna kapaċi naffrontaw sitwazzjonijiet diffiċli bil-kalma, b’mod organizzat u b’għaqal. Il-fiducja fina nfusna hija essenzjali għaliex hija l-forza li timbuttana ‘l quddiem u tgħinna nibnu l-futur tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Jiena naf li ħafna minnkom, li intom parti mid-diaspora Maltija, tħobbu żżommu ruħkom infurmati b’dak li qed jiġri Malta bħalma aħna nħossu dmirna li ninteressaw ruħna mill-qrib f’dak kollu li jolqotkom fil-ħajja tagħkom barra minn Malta. Għalija, il-Maltin kollha, igħixu fejn igħixu u sew jekk imwielda fil-gżejjer Maltin jew barra minn xtutna, huma kollha ndaqs u jsawru flimkien in-Nazzjon Maltija.
Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li fl-ewwel gimgħa ta’ Novembru ta’ din is-sena, il-Kamra tad-Deputati ta’ Malta għaddiet unanimanent mit-tieni qari abbozz ta’ ligi li jikkontempla t-twaqqif ta’ kunsill għall-Maltin li jgħixu barra. It-twaqqif ta’ dan il-kunsill kien tħabbar waqt l-aħħar konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta li kienet saret f’Marzu tas-sena 2010. L-abbozz tħejja wara konsultazzjoni ma’ komunitajiet Maltin imxerrda f’ħafna pajjiżi u wara li ġew ikkunsidrati sew l-opinjonijiet imfissra minnkom.
Il-kunsill se jkun organu konsultattiv li jirrappreżenta f’kull entita’ tal-Gvern Malti l-interessi tal-komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn Malta u dan jinkludi l-ministeri u dipartimenti tal-gvern u istituzzjonijiet oħra fejn jittieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jolqtukom.
Il-kunsill, li se jkun kompost minn sbatax-il membru, se jinkludi Maltin mill-Awstralja, l-Istati Uniti, il-Kanada u minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-kunsill ikollu l-kompitu li jagħti parir lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin fuq kwalsiasi abbozz ta’ liġi li jolqot id-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra. L-abbozz jaħseb ukoll għall-ħolqien ta’ direttorat responsabbli għall-Maltin li jgħixu barra fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Hu sinifikanti ħafna li dan l-abbozz jipprovdi wkoll għal emenda kostituzzjonali bl-iskop li tiġi faċilitata l-partecipazzjoni ta’ ċittadini Maltin li jgħixu barra xtutna fil-ħajja politika, soċjali, ekonomika u kulturali ta’ Malta. L-abbozz jipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ Istitut Kulturali Malti li jxerred u jxettel il-kultura Maltija barra minn Malta. Inħoss li huwa essenzjali li kull Malti, jgħix fejn jgħix u filwaqt li jintegra ruħu sewwa f’dak il-pajjiz, iħossu kburi li hu Malti jew għadnu għeruq Maltin u jafferma l-identita’ tiegħu bħala tali kull fejn jista’. Aħna għandna kultura u tradizzjonijiet sbieħ li, flimkien mal-ilsien għażiż tagħna, jagħżluna minn popli oħra.
Hi ħaġa ta’ min ifaħħarha ħafna li ż-żewġ naħat tal-kamra ħadmu bi qbil bejniethom u waslu għal kunsens, turija ċara li l-Maltin li jgħixu barra huma viċin il-qalb tal-Maltin ħuthom kollha li jgħixu Malta. Fil-fehma tiegħi, it-twaqqif ta’ dan il-kunsill jirrapprezenta akkwist ieħor b’risq id-diaspora Maltija wara l-kisba tad-dritt għaċ-ċittadinanza Maltija.
Naħseb li jkun xieraq li f’okkażjoni bħal din niftakru f’dawk l-emigranti Maltin u Għawdxin li kienu fost tal-ewwel li ħallew artna qabel it-tieni gwerra dinjija, pijunieri li marru jfittxu għixien aħjar għalihom u għall-familji tagħhom fi żminijiet meta l-vjaġġ kien diffiċli u ma kienx hemm għajnuna kif kien hemm fi żmien aktar tard. Dawn kienu nies kuraġġuzi, għaddew minn tbatija kbira u kienu huma li, biex ngħid hekk, ħejjew it-triq għal dawk li siefru warajhom fis-snin ħamsin u sittin. Kienu żminijiet meta Malta kienet wisq differenti minn dik tal-lum u l-ekonomija ma kinitx tiflaħ issostni lil kull min xtaq jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum fil-maħbuba artna. Jixraq li niftakru fihom u nonorawhom.
F’Marzu ta’ din is-sena, jiena kelli l-pjaċir inżur diversi komunitajiet Maltin fil-kontinent tal-Awstralja u ħassejtni kburi u onorat nesperjenza personalment kemm huma organizzati, kemm għamlu progress u kemm huma rispettati minn kulħadd, inklużi l-ogħla awtoritajiet Awstraljani li jiena wkoll nirringrazzja tal-għajnuna kbira li offrewlna. Tassew li ħutna għeżież Maltin jinsabu ‘l boghod minn art twelidhom imma żgur li ma tilfux dak is-sens ta’ ospitalita’, dik il-qalb kbira u dik id-dinjita’ li aħna l-Maltin tant magħrufin għalihom. Jiena nirringrazzjahom mill-ġdid tal-merħba sabiħa li taw lili, lil marti Margaret u lid-delegazzjoni li telgħet miegħi.
Dan hu żmien tas-sena li fih jiena cert li ħsiebkom u s-sentimenti tagħkom ifakkrukom aktar fi qrabatkom li għadhom igħixu fil-gżejjer tagħna, fid-drawwiet antiki bħall-presepju Malti u l-carols tradizzjonali tagħna. Aħna ningħaqdu magħkom fic-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa tal-familja.
Jiena ntemm dan il-messaġġ billi nħeġġiġkom tkomplu tgħozzu dak kollu li jagħmilna lkoll Maltin, ngħixu fejn ngħixu, u nixtiqilkom mill-qalb Milied hieni flimkien mal-familji tagħkom, u sena ġdida mimlija hena, ġid u dak kollu li tixtieq qalbkom.
Il-festi t-tajba lil kulħadd.
– – – – – – – – – – – – – – – – – – – –
Messaġġ mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi
Audio
{saudioplayer}Messagg-Prim-Ministru-Emigranti-2011.mp3{/s
audioplayer}
Dawn iż-żminjiet tas-sena joffrulna opportunità li nirriflettu fuq dak li għaddejna minnu matul dawn l-aħħar tnax-il xahar waqt li nġeddu l-impenn tagħna biex inkomplu nirbħu l-isfidi li għandna quddiemna bl-istess għaqal u ħeġġa li wrejna s’issa.
F’dawn l-aħħar snin, il-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali kienet fuq l-aġenda ta’ kull pajjiż, ta’ kull Gvern. Uħud mill-pajjiżi sfortunament intlaqtu aktar minn oħrajn.
Konvint li int, li għandek għeruq Maltin, jinteressak ukoll minn dak li kien u li qed jiġri f’pajjiżna u mill-familji li jgħixu f’Malta. Malta kienet l-aħħar pajjiż li daħal f’riċessjoni u kienet l-ewwel pajjiż li ħareġ minnha. Li l-effett fuqna kien mill-anqas ma ġarax b’kumbinazzjoni. Kienu l-għaqal u d-direzzjoni li mxejna bihom flimkien mar-riformi li għamilna li waslu biex intaffu mill-effetti tal-kriżi li laqtu lil kull pajjiż. B’intervent dirett li għamel il-Gvern salvajna l-impjieg ta’ 5,000 ħaddiem. Għal pajjiż żgħir bħal tagħna, dan hu ammont kbir.
Il-kriżi ekonomika li laqtet lid-dinja wrietna kemm hu importanti li nieħdu deċiżjonijiet tajbin u fil-ħin li jkomplu jħarsu x-xogħol tal-ħaddiema tagħna. B’hekk tikber l-attività ekonomika, inkabbru l-ġid fil-pajjiż biex dan jitqassam b’ġustizzja soċjali. Dan jgħodd għal kull pajjiż.
L-2011 kienet sena fejn popli qrib ta’ Malta qamu biex jakkwistaw id-demokrazija u biex jgħixu fil-libertà bid-drittijiet tagħhom imħarsa. It-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja huma bieb u għadba magħna. Hekk kif bdiet ir-rivoluzzjoni fil-Libja, Malta kellha mill-ewwel tieħu deċiżjonijiet importanti: tajna kenn lil żewġ piloti li ħarbu minn pajjiżhom u ġew Malta f’żewġ jet fighters Mirages biex ma jolqtux lil nies mill-ajru, filwaqt li rrifjutajna li jinżel f’Malta ajruplan b’inġiniera fuqu li kien ġej biex ikun jista’ jieħu l-Mirages lura.
Konna strumentali biex ċittadini ta’ pajjiżi oħra jitilqu mil-Libja u jingħaqdu ma’ familthom billi jgħaddu minn Malta. Għinna 20,000 persuna minn 113-il pajjiż. Il-mod kif mexa l-Gvern u l-poplu Malti ġab miegħu l-ammirazzjoni u l-gratitudni ta’ Gvernijiet ta’ pajjiżi differenti, inkluż pajjiżi fejn hemm komunitajiet ta’ Maltin li qed jgħixu barra.
Il-Gvern immexxi minni, dejjem saħaq matul is-snin fuq l-importanza li ma niddistingwux bejn il-Maltin ta’ barra u dawk li jgħixu Malta. Fil-fatt imxejna lilhinn mill-kunċett ta’ emigrant u bdejna nitkellmu fuq ġens Malti wieħed li wħud mill-Maltin jgħixu Malta u oħrajn lilhinn minnha.
Illum aktar Maltin li jgħixu barra qed igawdu miċ-ċittadinanza doppja. Kien hemm min tilifha u reġa’ akkwistaha lura, filwaqt li bl-aħħar riforma li għamilna fl-2007, estendejna ċ-ċittadinanza Maltija lil kull persuna li turi li wieħed mill-antenati tagħha f’linja diretta kienet Maltija mwielda Malta. Iktar minn 20,000 persuna bbenefikaw mir-riformi marbuta maċ-ċittadinanza doppja.
It-teknoloġija moderna qed tagħmilha aktar faċli li nikkomunikaw bejnietna minkejja d-distanzi. Illum familji li jgħixu f’pajjiżi differenti jsibu rwieħhom jiltaqgħu fi pjazza virtwali fuq facebook. Dan ix-xahar inawgurajt uffiċjalment Skola Sekondarja ġdida tas-Subien fil-Mosta u ltqajt ma’ esperjenza ħelwa ta’ tifel li qalli li hu qed jitgħallem il-kompjuter l-iskola u n-nanna tiegħu qed tmur għal-lezzjonijiet tal-kompjuter fil-Kunsill Lokali. Fil-għaxija jiltaqgħu biex jużaw il-kompjuter id-dar tagħha. Spjegali li n-nanna bdiet tmur għal-lezzjonijiet biex tuza l-iSkype ħalli tkun tista’ titkellem mat-tifel u n-neputijiet tagħha li jgħixu barra minn Malta.
Din it-tip ta’ komunikazzjoni hi importanti għaliex tqarribna aktar viċin xulxin, kontinwament. Il-Gvern ukoll qiegħed issaħħaħ il-komunikazzjoni mal-Maltin ta’ barra. Fil-Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra li saret f’Malta s-sena li għaddiet wgħedt li għandna nwaqqfu Kunsill għall-Maltin ta’ barra. Din is-sena għaddejna l-liġi mill-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex dan il-Kunsill jitwaqqaf formalment. Dan il-korp konsultattiv irid jiltaqa’ minn l-inqas darba fis-sena f`Malta. Se jkun il-korp uffiċjali li jikkomunika mal-awtoritajiet f’pajjiżna f’materji leġiżlattivi u amminsitrattivi li jolqtu ċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra.
Din hija innovazzjoni li l-Gvern tiegħi hu kburi biha. Iżda ebda liġi u ebda Kunsill ma jaħdmu tajjeb jekk ma jkollhomx il-ħidma u r-rieda li jirnexxu mill-membri li se jkunu membru fuq dan il-Kunsill. Konvint li f’atmosfera ta’ maturità u responsabbiltà l-komunitajiet Maltin li jgħixu barra se jagħmlu minn dan il-Kunsill suċċess għalihom u għall-komunitajiet tagħhom. L-impenn tagħna hu li nkomplu nsaħħu l-ħidma u l-komunikazzjoni ta’ bejnietna.
Minn qalbi nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom Milied hieni u sena mimlija risq.