Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, magħrufa bħala l-MSSP, din is-sena qed tiċċelebra iċ-ċentinarju mit-twaqqif tagħha. Kien fl-1910, meta l-fundatur Mons. Ġużeppi De Piro aċċetta l-ewwel zewġ membri fis-Soċjetà, li ġiet approvata formalment mill-Isqof ta’ Malta fl-1921.
Min kien De Piro?
Ġużeppi De Piro twieled l-Imdina, Malta, fit-2 ta’ Novembru 1877 f’familja nobbli u sinjura, is-seba’ wieħed minn disgħat itfal. Bħala żagħżugħ huwa beda jistudja għal avukat, sakemm ħass is-sejħa tal-vokazzjoni għas-saċerdozju. De Piro ġie ordnat saċerdot f’Ruma fl-1903.
Bhala qassis De Piro minn dejjem kellu ġibda speċjali lejn il-missjonijiet u l-ħidma pastorali qalb il-foqra. Ix-xewqa li bdiet tinbet f’moħħu kienet li jwaqqaf soċjetà ta’ qassisin u ‘brothers’ li jwasslu l-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu. Din ix-xewqa saret realtà fit-30 ta’ Gunju 1910, meta twaqqfet l-MSSP. L-ispirazzjoni u l-viżjoni ta’ De Piro malajr bdew iħallu impressjoni fuq l-ewwel membri tas-Soċjetà, b’mod speċjali l-entużjażmu missjonarju u l-imħabba lejn il-foqra.
L-ewwel missjunarju tas-Soċjetà kien Fra Ġużeppi Caruana li fl-1927 intbaġħat l-Abissinja jigifieri l-Etjopja, fejn baqa’ sa kemm miet fl-età ta’ 83 sena fl-1975. De Piro xtaq iżur din il-missjoni fl-Afrika hu stess iżda Alla kellu pjanijiet oħra għalih meta, ħabta u sabta, sejjaħlu ghall-ħajja eterna fis-17 ta’ Settembru 1933 fl-età ta’ 55 sena.
Minn grupp zghir ta’ ‘brothers’ u saċerdoti, l-MSSP iffjorixxiet f’Soċjetà li, minkejja żmienijiet diffiċli fil-bidu tas-snin ħamsin, kompliet tikber u tagħti ħajja lill-kliem profetiku tal-fundatur li, ftit qabel ma miet, kien qal li is-Soċjetà tikber biss wara mewtu.
Il-Firxa tal-Missjoni Pawlina
Illum il-membri tal-MSSP ikomplu l-missjoni li fdalhom f’idejhom il-fundatur kariżmatiku tagħhom b’fedeltà u dedikazzjoni f’dinja li dejjem tinbidel u tippreżenta sfidi ġodda. B’impenn missjonarju huma jieħdu ħsieb u jxerrdu t-tagħlim nisrani f’diversi parroċċi, skejjel, ċentri ghaż-żgħażagħ, ċentri għall-emigranti, qalb il-foqra u l-batuti fl-Awstralja, il-Perù, il-Pakistan, il-Filippini, l-Amerka, il-Kanada, l-Italja u, naturalment, Malta.
Is-Soċjetà fl-Awstrajla
L-ewwel qassis tal-MSSP li ntbagħat l-Awstralja kien Patri Wistin Grech li wasal Melbourne fit-2 t’Awissu 1948 flimkien ma’ grupp ta madwar 450 emigranti Maltin fuq il-vapur Strathnaver.
Tlett snin wara is-Soċjetà xtrat l-ewwel dar, Saint Mary’s Mission House f’Drummond Street, Carlton, Victoria, li ġiet inawgurata u mbierka mill-Arċisqof ta’ Melbourne, Dr Daniel Mannix. Aktar tard l-MSSP xtrat dar oħra b’pożizzjoni aħjar fuq triq priċipali, Royal Parade, Parkville, fejn illum jinsabu id-dar tal-qassisin u ċ-Ċentru Malti.
Fl-1956 l-MSSP kompliet tinfirex meta Fr Honoratus Galea inħatar kappillan f’Saint Mel’s Parish, Swanbourne. Fl-1964 kien imiss lill-komunità Maltija ta’ New South Wales li tibda tgawdi mill-preżenza pastorali tal-MSSP meta infetħet id-dar f’South Sydney.
Fl-1971 l-MSSP fetħet l-ewwel Dar tal-Formazzjoni fl-Awstralja, St Paul’s Missionary College f’Wantirna South, Victoria, li tbierket mill-Kardinal James Knox, Arċisqof ta’ Melbourne.
Sħubija bejn l-MSSP u l-MCCV
Ma hemm l-ebda dubju li l-komunità Maltija fl-Awstralja ma kienetx tkun dak li hi llum mingħajr l-għajnuna u l-ħidma pastorali tal-qassisin tal-MSSP. Matul is-snin ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill tal-Komunità Maltija tal-Victoria (l-MCCV) u l-MSSP komplew jissaħħu, b’wieħed mill-qassisin elett membru tal-Kumitat Eżekuttiv fil-kariga ta’ ‘Chaplain’ tal-Kunsill.
Fil-laqgħat tal-Kunsill t’Awissu 1973 Dun Ġorġ Scerri esprima ix-xewqa tiegħu li l-Kunsill jagħti aktar appoġġ lill-qassisin missjonarji u ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jattendu l-knisja ta’ St Mary Star of the Sea f’West Melbourne ghaċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Marija Bambina fit-2 ta’ Settembru 1973. Il-Kunsill fehem tajjeb din is-sejħa mill-qalb tal-qassis twajjeb u dan l-avveniment annwali malajr sar wieħed importanti ħafna għall-maġġoranza kbira tal-Maltin ta’ Melbourne.
L-aħjar simbolu tal-sħubija bejn l-MSSP u l-Kunsill Malti huwa mingħajr dubju il-bini taċ-Ċentru Malti fuq l-art prominenti tas-Soċjetà f’Royal Parade, Parkville, ipprovduta bla ħlas. L-Eżekuttiv tal-MCCV kien avviċina l-qassisin tal-MSSP biex jinbena ċentru għall-Maltin fuq din l-art. Bl-appoġġ ta’ Dun Ġorġ Scerri u Fr Victor Shields, Fr Stanley Tomlin, il-Provincjal tal-MSSP, u l-Kunsill tiegħu f’Malta aċċettaw din il-proposta tal-MCCV u x-xogħol beda biex il-proġett jitlesta fl-iqsar żmien possibbli. Iċ-Ċentru Malti nfetah uffiċjalment nħar il-Ħadd 20 ta’ Novembru 1983 mill-Premier tal-Victoria, l-Onor. John Cain u tbierek mill-Arċisqof ta’ Melbourne Sir Thomas Francis Little.
F’Settembru tal-1978 intlaħaq ftehim biex jinbena dan iċ-ċentru u, skond dan il-ftehim, iż-żewġ naħat wegħdu li jgħinu lil xulxin u jikkontribwixxu l-fondi neċessarji għall-bini. Dun Ġorġ Scerri għall-MSSP u l-avukat Victor Borg ghall-Kunsill inawguraw appell specjali biex jinġabru l-flus biex il-ħolma ta’ ċentru kbir u modern biex jaqdi l-komunità Maltija fil-Victoria iseħħ.
Sfortunatament, Dun Ġorġ Scerri, raġel qaddis, kellu jgħaddi minn mewta kiefra meta fl-4 t’Awissu 1980 miet traġikament u bla bżonn meta nqatel minn ħalliel li daħal biex jisraq mid-dar
tas-Soċjetà f’Brunswick, Victoria. Din l-aħbar kerha ħasdet sewwa il-komunità Maltija fl’Awstralja. Il-qattiel baqa’ ma nstabx sal-lum.
Gratitudni u Ċelebrazzjoni
Il-Maltin fl-Awstralja huma grati lejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl ghal dak kollu li għamlet u għadha tagħmel magħhom. Il-Kunsill Malti tal-Victoria dejjem irrikonoxxa il-kontribuzzjoni enormi li l-qassisin missjunarji taw lill-komunità Maltija, kif jixhdu tajjeb d-diskorsi tal-President Victor Borg f’diversi funzjonijiet tal-komunità.
Għandna tassew ghalxiex nifirħu, niċċelebraw u nħossuna kburin bl-egħluq il-mitt sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Il-ġid spiritwali li ġiebu magħhom u ferrxu fostna il-qassisin missjunarji huwa ingredjent essenzjali li għen biex għaqqad l-emigranti Maltin flimkien f’art tant imbegħda minn fejn gew.